gov.mt

PR261534

PR261534

23/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Attività nazzjonali fil-Belt Valletta tgħaqqad il-mużika u l-komunità b'appoġġ għar-riċerka dwar il-kanċer


​Show Your Face – Uri Wiċċek, tifforma parti minn kampanja nazzjonali ta' xahrejn biex tqajjem aktar għarfien dwar ir-riċerka, il-prevenzjoni u l-innovazzjoni fil-qasam tal-kanċer

 

Għada, l-24 ta' Settembru, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, se tittella' attività nazzjonali b'xejn bħala parti mill-kampanja Show Your Face – Uri Wiċċek, organizzata mill-Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM) fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għar-Riċerka dwar il-Kanċer.

 

L-attività, li tibda mis-6.00pm 'il quddiem, se tkun waħda mill-mumenti ewlenin ta' kampanja nazzjonali li għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar ir-riċerka dwar il-kanċer, il-prevenzjoni u l-innovazzjoni, filwaqt li tressaq aktar lejn il-pubbliku l-ħidma tar-riċerkaturi, tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu f'dan il-qasam.

 

L-attività se tlaqqa' lir-riċerkaturi, l-NGOs, il-pazjenti, il-familji u l-pubbliku permezz tal-mużika u diversi attivitajiet, b'messaġġ ċar ta' tama, solidarjetà u appoġġ għar-riċerka dwar il-kanċer.

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-kampanja għandha tressaq ir-riċerka aktar qrib in-nies. “Il-kanċer m'għandux ikun suġġett li nibżgħu nitkellmu dwaru. Irridu nitkellmu aktar dwar il-prevenzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u fuq kollox inkomplu nagħtu tama lil dawk li qed jgħixu bil-kanċer u lill-familji tagħhom. Ir-riċerka tal-lum tista' twassal għal prevenzjoni, dijanjosi u trattament aħjar għada," qal il-Ministru Grima.

 

Il-Ministru Grima spjega li l-Gvern kompla jsaħħaħ l-investiment fir-riċerka dwar il-kanċer, b'aktar minn €3 miljun investiti f'10 proġetti ta' riċerka dwar il-kanċer permezz tas-CRIHM. Fil-jiem li ġejjin se titnieda wkoll sejħa ta' €1.2 miljun għal erba' proġetti ġodda ta' riċerka dwar il-kanċer, f'kollaborazzjoni ma' Xjenza Malta.

 

“L-għan tagħna huwa li Malta ma tkunx biss pajjiż li jibbenefika mill-iskoperti li jsiru barra minn xtutna, iżda li tikkontribwixxi għalihom. Irridu nagħtu lir-riċerkaturi Maltin l-għodda u r-riżorsi biex ikunu parti minn din il-ħidma internazzjonali," kompla jgħid il-Ministru Grima.

 

Dan l-investiment jagħmel parti minn direzzjoni usa' biex Malta tkompli tiżviluppa setturi ta' valur miżjud bħat-teknoloġija medika, ix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-parteċipazzjoni tax-xjenzati Maltin.

 

Matul is-serata, il-pubbliku se jkun mistieden jieħu sehem f'tentattiv biex jinħoloq rekord nazzjonali permezz ta' cancer awareness ribbon umana, bħala simbolu ta' tama, solidarjetà u appoġġ għar-riċerka.

 

L-attività se tinkludi wkoll diversi artisti lokali u internazzjonali, fosthom Jon u Jo minn S Club, Bianca Muniz, Destiny, Kurt Calleja u Sarah Bonnici. Se tittella' wkoll għall-ewwel darba l-kanzunetta oriġinali “TAMA", miktuba għall-kampanja.

 

Fil-pjazza se jkun hemm ukoll NGOs u organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer, żona ddedikata għat-tfal u l-Mobile Health Unit tas-CRIHM, li se toffri health checks b'xejn lill-pubbliku.

 

Il-Ministru Grima rringrazzja lis-CRIHM, lir-riċerkaturi, lill-NGOs u lill-imsieħba kollha involuti fil-kampanja u stieden lill-familji Maltin u Għawdxin biex jingħaqdu mal-attività fi Pjazza San Ġorġ. “Ejja nuru wiċċna għar-riċerka dwar il-kanċer, ningħaqdu flimkien biex nistabbilixxu rekord nazzjonali bil-cancer awareness ribbon umana, u nibagħtu messaġġ wieħed ta' tama u solidarjetà."​